+ All Categories
Home > Documents > EROSTRATE – Jean-Paul Sartre / Kevin Saliba (trad)

EROSTRATE – Jean-Paul Sartre / Kevin Saliba (trad)

Date post: 22-Nov-2023
Category:
Upload: independent
View: 0 times
Download: 0 times
Share this document with a friend
24
Jean-Paul Sartre EROSTRATE Il-bnedmin, trid tarahom mill-għoli. Kont nitfi d-dawl u nintefa’ mat-tieqa: lanqas biss kien ikollhom ħjiel li wieħed setgħa kien qed jgħajnashom mill- għoli. Jieħdu ħsieb in-naħa ta’ quddiem, ġieli dik ta’ wara, iżda l-effetti kollha tagħhom ikunu meqjusa għal spettaturi ta’ madwar metru u sebgħin ċentimetru. Min qatt ħaseb dwar kif tidher l-għamla ta’ kappell tal-feltru mis-sitt sular? Jinsew jipproteġu spallejhom u rashom bi lwien qawwija u b’tessuti jgħammxu, ma jafux jissiltulu ’l dan l-għadu hekk kbir tal- Umanità: il-veduta mill-għoli. Kont nittawwal mit-tieqa ’l barra u ninfexx nidħak: fejn kienet, mela, dil-famuża “qagħda dritta” li tant kellhom bokka biha l-bnedmin: kienu jitgħattnu mal-bankina u żewġ riġlejn twal għoddhom imkaxkra kienu jixirfu minn taħt spallejhom. Fil-gallerija tas-sitt sular: hemm kien messni qattajtha ħajti jien. Jenħtieġ li s-superjoritajiet morali jintrifdu b’simboli materjali, inkella jaqgħu. Iżda sewwasew, x’superjorità għandi fuq il-bnedmin? Superjorità fil-qagħda, xejn iżjed: poġġejt lili nnifsi ’l fuq mill-uman ta’ ġo fija u noqgħod noqgħod nixtarru. Huwa proprju għalhekk li kont inħobb it-torrijiet ta’ Notre Dame, il-pjattaformi tat-Torri Eiffel, is-Sacré-Cœur, is-sitt sular tiegħi fuq Triq Delambre. Dawn huma simboli mill-aqwa. Ġieli kien ikolli nerġa’ ninżel fit-toroq. Biex immur l-uffiċċju, pirkażu. Kont naqta’ nifsi. Meta tkun fl-istess livell tal-bnedmin, tkun ferm iżjed iebsa li tgħoddhom b’nemel: iqanqluk. Darba rajt wieħed mejjet fit-triq. Kien ħadha għal wiċċu. Dawruh wiċċu ’l fuq, kien infaġar. Rajtlu għajnejh mifuħin, u l-bixra mwerrċa, u dak id-demm kollu. Bejni u bejn ruħi għedt:
Transcript

Jean-Paul Sartre

EROSTRATE

Il-bnedmin, trid tarahom mill-għoli. Kont nitfi d-dawl u nintefa’ mat-tieqa:

lanqas biss kien ikollhom ħjiel li wieħed setgħa kien qed jgħajnashom mill-

għoli. Jieħdu ħsieb in-naħa ta’ quddiem, ġieli dik ta’ wara, iżda l-effetti

kollha tagħhom ikunu meqjusa għal spettaturi ta’ madwar metru u sebgħin

ċentimetru. Min qatt ħaseb dwar kif tidher l-għamla ta’ kappell tal-feltru

mis-sitt sular? Jinsew jipproteġu spallejhom u rashom bi lwien qawwija u

b’tessuti jgħammxu, ma jafux jissiltulu ’l dan l-għadu hekk kbir tal-

Umanità: il-veduta mill-għoli. Kont nittawwal mit-tieqa ’l barra u ninfexx

nidħak: fejn kienet, mela, dil-famuża “qagħda dritta” li tant kellhom bokka

biha l-bnedmin: kienu jitgħattnu mal-bankina u żewġ riġlejn twal għoddhom

imkaxkra kienu jixirfu minn taħt spallejhom.

Fil-gallerija tas-sitt sular: hemm kien messni qattajtha ħajti jien. Jenħtieġ li

s-superjoritajiet morali jintrifdu b’simboli materjali, inkella jaqgħu. Iżda

sewwasew, x’superjorità għandi fuq il-bnedmin? Superjorità fil-qagħda, xejn

iżjed: poġġejt lili nnifsi ’l fuq mill-uman ta’ ġo fija u noqgħod noqgħod

nixtarru. Huwa proprju għalhekk li kont inħobb it-torrijiet ta’ Notre Dame,

il-pjattaformi tat-Torri Eiffel, is-Sacré-Cœur, is-sitt sular tiegħi fuq Triq

Delambre. Dawn huma simboli mill-aqwa.

Ġieli kien ikolli nerġa’ ninżel fit-toroq. Biex immur l-uffiċċju, pirkażu.

Kont naqta’ nifsi. Meta tkun fl-istess livell tal-bnedmin, tkun ferm iżjed

iebsa li tgħoddhom b’nemel: iqanqluk. Darba rajt wieħed mejjet fit-triq.

Kien ħadha għal wiċċu. Dawruh wiċċu ’l fuq, kien infaġar. Rajtlu għajnejh

mifuħin, u l-bixra mwerrċa, u dak id-demm kollu. Bejni u bejn ruħi għedt:

Kevin Saliba

“Din mhi xejn, mhix iżjed kommoventi minn daqsxejn żebgħa friska.

Żebgħulu mnieħru bl-aħmar, dak kollox.” Iżda f’riġlejja u f’għonqi ħassejt

ħlewwa ta’ qalb tqażżek u tani mejt. Ħaduni fi spiżerija, tawni daqqtejn bil-

keff fuq spallejja u sqewni xi alkoħol. Kont nasal noqtolhom ’l dawk.

Kont naf li kienu l-għedewwa tiegħi dawk, imma huma ma kinux jafu.

Bejniethom kienu jinħabbu, kienu jibqgħu qaqoċċa; u lili, xi daqqa t’id ’l

hemm jew ’l hawn kienu jagħtuhieli, għax kienu jaħsbuni wieħed bħalhom.

Iżda li kieku kellhom ixommu mqar l-iċken nitfa mill-verità kienu jsawtuni.

Hekk jew hekk, dak li għamlu, wara mbagħad. Meta qabduni u fehmu min

kont, bambluli xebgħa xebgħun; fl-għassa tal-pulizija bektuni sagħtejn sħaħ,

tawni bil-ħarta u bil-ponn, ilwewli driegħi, ċarrtuli l-qalziet u fl-aħħar nett

xeħtuli n-nuċċali fl-art u jien u nfittxu, għarkupptejja b’idejja mal-art, bdew

jidħku u jfajruli bis-sieq ġo sormi. Dejjem bsart li kienu ser jispiċċaw

isawtuni: b’saħħti m’iniex u nistax niddefendi ruħi. Uħud minnhom kienu

ilhom ħafna għassa tiegħi: dawk il-kbar. Fit-triq kienu jibqgħu deħlin fija,

biex jidħku, ħalli jaraw x’kont ser nagħmel. Ma kont ngħid xejn. Kont

nagħmel tabirruħi li ma fhimtx. Imma minkejja dan, għamluhieli. Kont

nipprendihom lilhom: kienet bħal teħbira. Imma emmnuni, kelli raġunijiet

iżjed serji l-għala nistmerrhom.

Kwantu dil-biċċa xogħol, kollox mar ferm aħjar minn dakinhar li xtrajt

pistola. Tħossok b’saħħtek meta ġġorr fuqek, b’tenaċja, xi ħaġa li tista’

tisplodi u tagħmel il-ħoss. Kont neħodha miegħi l-Ħadd, kont sempliċement

inpoġġiha fil-qalziet u mmur nimxi – is-soltu fit-toroq prinċipali. Kont

inħossha ġġebbidli fil-qalziet bħal xi granċ, kont inħossha ma’ koxxti, kiesħa

silġ. Iżda bil-qajl il-qajl kienet tisħon tmiss ma’ ġismi. Kont nimxi b’ċerta

Jean-Paul Sartre

ebusija, kelli x-xeħta ta’ wieħed, b’ġismu mqajjem, li ma’ kull pass li jmidd

iwaqqfu żobbu. Kont inżellaq idi fil-but u mmiss l-oġġett. Minn ħin għal

ieħor kont nidħol f’xi mibwel – anke hemmhekk kont noqgħod b’seba’

għajnejn għax spiss kien ikolli l-ġirien – kont noħroġ il-pistola, kont

inħossilha l-piż, inħares lejn il-maqbad biċ-ċangaturi suwed u l-grillu iswed

qisu għajn nofsha mbexxqa. L-oħrajn, dawk li kienu jaraw, minn hemm

barra, riġlejja miftuħin u l-qalza tal-qalziet, kien ikun mingħalihom li qed

inbul. Imma jien fl-imbiewel qatt ma nbul.

Lejla minnhom ġietni f’rasi li mmur nispara fuq in-nies. Kien is-Sibt

filgħaxija, ħriġt biex ngħaddi għal Lea, waħda bjonda li toqgħod titlajja bi

dritt lukanda fi Triq Montparnasse. Fl-intimità tal-ġisem ma’ mara ’qas qatt

ma kont: kont inħossni misruq kieku qatt kelli. Tirkibhom ’l dawk, veru

minn daqshekk, iżda jdexxulek taħt żaqqek kollu b’dak ħalqhom kbir

muswaf u, skont ma smajthom jgħidu, proprju huma jkunu li jmorru minn

fuq f’dil-affari kollha, u fil-wisa’. Jiena ma nitlob xejn m’għand ħadd, iżda

ma rrid nagħti xejn lanqas. Jew inkella niġi bżonn xi mara bierda u bigotta li

toqgħodli għal kollox b’sentiment ta’ diżgust. Kull l-ewwel Sibt tax-xahar

kont nitla’ ma’ din Lea f’kamra tal-Hôtel Duquesne. Kienet tinża’, u jien

kont noqgħod inħares lejha bla ma mmissha. Xi drabi kienet tiġini weħidha

fil-qalziet; drabi oħra kien ikolli l-ħin immur niżvoga d-dar. Dak il-lejl ma

sibthiex fil-post tas-soltu. Qgħadt nistenna ftit, u peress li ma rajthiex ġejja,

issopponejt illi belgħet xi riħ. Kien il-bidu ta’ Jannar u kien qed jagħmel

ħafna ksieħ. Iddejjaqt: jien tfantis waħdi u kont diġà stħajjilt bi ħġari l-pjaċir

li kelli nieħu dik l-għaxija. Kien hemm, xorta waħda, fi Triq d’Odessa,

waħda smajra li kont innotajtha spiss, mara kemxejn avvanzata imma mazza

xorta u mbaċċa: lili ma jdejquni xejn in-nisa avvanzati: meta jkunu

Kevin Saliba

mneżżgħin jidhru iżjed għarwenin mill-oħrajn. Iżda din ma kienet taf xejn

dwar il-gosti tiegħi, u kont qed nitfantas xi ftit ngħidilha bihom hekk ċumm

bumm. Barra dan jien ma nafdax nies ma nafhomx: dan-nisa ma trid xejn

biex jaħbulek wara l-bieb xi wieħed ta’ qattagħni li mbagħad jixref fuqek

ħabta u sabta u jeħodlok il-flus. Ikollok xorti jekk ma jilgħablekx xi daqqtejn

ta’ ponn ukoll. Madankollu, dik il-lejla, ħassejt ċerta awdaċja, u qtajtha li

ngħaddi sad-dar ħalli nġib il-pistola u mmur nittanta xortija.

Meta rsaqt lejn dil-mara, xi kwarta wara, kelli l-arma fil-but u ma kont qed

nibża’ minn xejn. Primavista mill-qrib kellha bixra pjuttost imċerċra. Kienet

tagħti lemħa ’l-ġara ta’ quddiemi, mart is-sottuffiċjal tal-armata, u kont

tassew kuntent għax kont ili għomor biex naraha għarwiena ’l dik. Meta

żewġha ma jkunx hemm kienet tilbes bit-tieqa miftuħa, u mhux l-ewwel

darba li qgħadtilha wara l-purtiera biex ma tafx kif nagħtiha xi qatgħa. Imma

meta tbiddel kienet toqgħod dejjem fuq in-naħa warranija tal-kamra.

Fl-Hôtel Stella kamra vojta kien hemm waħda biss, fir-raba’ sular. Tlajna.

Il-mara kienet tqila mhux ħażin u bdiet tieqaf ma’ kull tarġa biex tieħu n-

nifs. Ħassejtni veru tajjeb: għandi ġismi magħlub iżda wtieq, minkejja ż-

żaqq, u trid iżjed minn erba’ sulari biex taqtagħli nifsi lili. Fuq il-pjan tat-

taraġ tar-raba’ sular il-mara waqfet tilheġ u poġġiet idha tal-lemin fuq

qalbha. F’tax-xellug kellha ċ-ċavetta tal-kamra.

“X’telgħa din,” qalet hi u tipprova titbissimli. Ħadtilha ċ-ċavetta bla ma

weġibt xejn u ftaħt il-bieb. Kont qed inżomm il-pistola b’idi x-xellugija,

ippuntata ’l quddiem mill-but, u qabel ma xgħelt l-iswiċċ ma tlaqthiex. Il-

kamra kienet vojta. Fuq is-sink kienu poġġew biċċa sapuna ħadra u kwadra,

Jean-Paul Sartre

għall-ħasil. Tbissimt: jien niġi naqa’ u nqum mill-bidejiet u mill-biċċiet tas-

sapun. Il-mara kienet għadha qed tilheġ warajja, u dil-ħaġa bdiet tqanqalni.

Dort; ġebbditli xofftejha ’l barra. Jien imbottajtha ’l hemm.

“Inża’,” għedtilha.

Kien hemm pultruna tal-ġild; intfajt bilqiegħda ċiċċbeqqi. F’mumenti bħal

dawn jiddispjaċini li ma npejjipx. Il-mara neżgħet il-libsa u mbagħad

waqfet, u tatni ħarsa dgħulija.

“X’jismek int?” għedtilha jien u nitmattar lura.

“Renée.”

“Sewwa, Renée, ħaffef. Qed nistenna.”

“M’intx ser tinża’ int?”

“Ejj’ejja”, għedtilha, “ħallik minni ħi.”

Niżżlet il-qalziet ta’ taħt sa saqajha, imbagħad ġabritu u poġġietu bil-galbu

fuq il-libsa mar-reġġipettu.

“Allura int xi bugħażż hux, ħanini, wieħed kutu kieti?” staqsietni. “Trid il-

mara toqgħod tagħmel ix-xogħol kollu hi?”

Kevin Saliba

Fl-istess waqt għamlet pass lejja, u hija u sserraħħ idejha fuq driegħ il-

pultruna, ipprovat tinżilli għarkupptejha bejn riġlejja bis-saħħa. Iżda

qajjimtha bil-goff:

“Tagħmillix minn daw’, tagħmillix minn daw’ lili,” għedtilha.

Ħarset lejja mistagħġba.

“Ħeqq, xi tridni nagħmillek mela?”

“Xejn. Imxi, ippassiġġa, ma rrid xejn iżjed minnek.”

Bdiet timxi ’l hawn u ’l hemm, b’bixra imbarazzata. Lin-nisa xejn ma

jdejjaqhom iżjed milli joqogħdu jimxu għarwenin. Mhumiex imdorrija

jpoġġu għarqubhom mal-art. Il-qaħba qawset dahra u telqet idejha jitbandlu.

Jien kont fis-seba’ sema: hemm kont ninsab, poġġut trankwill fuq il-

pultruna, imlibbes sa għonqi, sal-ingwanti żammejt fuqi, u bl-amar tiegħi

dis-sinjura avvanzata kienet neżgħet għarwiena ħuta u qiegħda ddur miegħi

dawramejt.

Dawret rasha lejja, u biex issalva l-parenza tbissmitli b’mod nejjieki:

“Tarani sabiħa lili eh? Qed titgħaxxaq bija hux?”

“Ħallik minn dan.”

Jean-Paul Sartre

“Isma’ għid,” staqsietni b’rabja ta’ f’daqqa, “biħsiebek tibqa’ tmexxini

hekk ’l hawn u ’l hemm għal ħafna ħin?”

“Poġġi bilqiegħda.”

Poġġiet fuq is-sodda u qgħadna nħarsu lejn xulxin fis-skiet. Ġisimha kien

imqajjem xewk xewk. Smajna t-tektik ta’ żveljarin min-naħa l-oħra tal-ħajt.

F’daqqa waħda għedtilha:

“Iftaħ riġlejk.”

Eżitat sekonda, imbagħad obdiet. Ħarist bejn saqajha u ġbidt nifs ’il

ġewwa. Imbagħad infqajt nidħak, tant li ħariġli d-dmugħ. Wara

sempliċement għedtilha:

“M’intix tinduna għid?”

U erġajt qbadt nidħak.

Hija ħarset lejja, skantata, imbagħad ħmaret nar u għalqet riġlejha.

“Majjal l’int, ” qalet minn bejn snienha.

Iżda jien dħakt iżjed bil-qawwi: allura qamet bilwieqfa f’salt u qabdet ir-

reġġipettu minn fuq is-siġġu.

Kevin Saliba

“Ejj hemm,” għedtilha, “għadni ma spiċċajtx tafx. Ser intik ħamsin frank

dalwaqt, imma rrid ingawdihom kollha hux.”

Qabdet il-penti bin-nervi.

“Xbajt, qed tifhem?! Jien ma nafx xi trid int. U jekk tellajtni haw’ fuq biex

toqgħod titnejjek bija...”

Allura ħriġt il-pistola u wrjethielha. Ħarset lejja b’bixra serja u niżżlet il-

penti bla ma lissnet qiżd.

“Imxi ejja,” għedtilha, “ippassiġġa isa.”

Imxiet ’l hemm u ’l hawn għal ħames minuti oħra. Imbagħad tajtha l-

bastun tiegħi u ġegħeltha tagħmel xi eżerċizzji. Xħin ħassejt il-qalziet ta’

taħt tiegħi mxarrab, qomt minn hemm u newwiltilha karta ta’ ħamsin frank.

Ħaditha.

“Saħħa,” żidt ngħid, “ma tantx kiddejtek wisq għal dal-prezz.”

Tlaqt ’l hemm, ħallejtha għarwiena laħam f’nofs il-kamra, bir-reġġipettu

f’id waħda u bil-ħamsin frank fl-oħra. M’għalejt xejn għall-flus li nfaqt: kont

bellahtha u qaħba mhux lakemm tgħaġġibha. Jien u nieżel it-taraġ ħsibt:

“Dak li rrid jien, ngħaġġibhom kollha kemm huma.” Kont kuntent qisni tifel

żgħir. Is-sapuna l-ħadra kont ħadtha miegħi, u meta wasalt id-dar, ħakkiktha

kemm flaħt fil-misħun sakemm minnha ma kien għad fadal xejn ħlief

pellikola rqajqa qisha xi ħelwa tal-menta li ntredgħet qatigħ.

Jean-Paul Sartre

Iżda bil-lejl qomt maħsud u erġajt rajt wiċċha, il-ħarsa t’għajnejha meta

wrejtha l-arma, u ż-żaqq ħxajna li kellha tielgħa u nieżla ma’ kull pass li

middet.

“Kemm kont ċuċ!” għedt bejni u bejn ruħi. U ħassejt rimors morr: kien

messni sparajt fuqha la kont fiż-żifna, bħal passatur kont intaqqbilha żaqqha.

Dak il-lejl u tul it-tlieta ta’ wara, ħlomt b’sitt tqajbiet ħomor imqiegħda

f’ċirku madwar żokritha.

Minn hemm ’il quddiem ma ħriġtx iżjed mingħajr il-pistola. Kont inħares

lejn dahar in-nies, u kont nistħajjel, mill-mixja tagħhom, il-mod kif kieku

jaqgħu li kelli nispara fuqhom. Kont qbadt id-drawwa, ta’ kull nhar ta’

Ħadd, li mmur nintasab quddiem ix-Châtelet, xħin ikunu ħerġin in-nies mill-

kunċerti tal-mużika klassika. Għall-ħabta tas-sitta kont nisma’ qanpiena

ddoqq, u l-uxxiera kienu jiġu jsakkru l-bibien tal-ħġieġ bil-ganġetti. Dak

kien ikun il-bidu: il-folla kienet ħierġa bil-mod il-mod; in-nies kienu mexjin

b’passi mperpra, b’għajnejhom għadhom mimlija ħolm, b’qalbhom għadha

mimlija b’sentimenti ħlejjin. Bosta kienu qed iħarsu madwarhom

imgħaġġbin: aktarx it-triq kienet qed tidhrilhom kaħla nir. Imbagħad xiddu

tbissima misterjuża: kienu għaddejjin minn dinja għal oħra. Kien proprju fl-

oħra li kont qed nistenniehom jien. Żellaqt idi l-leminija fil-but u ħfint il-

maqbad tal-pistola b’saħħti kollha. Wara ftit, kont qed nara lili nnifsi

nispara fuqhom. Kont qed inwaqqagħhom għal wiċċhom bħal brilli, kienu

qed jaqgħu wieħed fuq l-ieħor, u dawk li kienu baqgħu ħajjin, kollhom

paniku, kienu qed ibewġu lura lejn it-teatru u jkissru l-ħġieġ tal-bibien.

Kevin Saliba

Kienet logħba tabilħaqq imqanqla: fl-aħħar idejja bdew jirtogħdu, u kelli

mmur nixrob konjak għand Dreher ħalli nerġa’ niġi f’tiegħi.

Lin-nisa ma kontx noqtolhom kieku. Kont nisparalhom fil-kliewi. Jew

inkella fil-pexxun, ħalli nżeffinhom daqsxejn.

Ma kont għadni ddeċidejt xejn. Iżda kont qed nagħmel kollox daqslikieku

d-deċiżjoni tiegħi kienet diġà ttieħdet. Bdejt billi ħadt ħsieb l-irqaqat iż-

żgħar. Mort nitħarreġ f’gallerija tal-isparar, fil-fiera ta’ Denfert-Rochereau.

Ma kellix xi riżultati tal-għaġeb, imma l-bnedmin joffrulek bersalli

mdaqqsa, l-iżjed meta tisparalhom mill-qrib. Imbagħad inxħett naħdem fuq

il-pubbliċità. Għażilt ġurnata meta l-kollegi kollha tiegħi kienu miġburin l-

uffiċċju. Nhar ta’ Tnejn minnhom, filgħodu. Kont ningwalaha tajjeb

magħhom, normalment, minkejja li ma stajtx għaliha li neħdilhom b’idhom.

Kienu jneħħu l-ingwanti biex isellmulek; kellhom mod oxxen kif jgħarwnu

idejhom, kif jaqilbu l-ingwanta u kif iżerżquha tul subgħajhom bil-mod il-

mod, huma u jikxfu l-għera ħoxna u mkemmxa tal-pala t’idhom. Jien kont

nibqa’ dejjem bl-ingwanti.

It-Tnejn filgħodu ftit li xejn kien ikollna xogħol. It-tajpista tas-servizz

kummerċjali ġiet iġġibilna l-irċevuti. Lemercier iċċajta magħha bil-ħlewwa,

u meta telqet l-oħrajn bdew jelenkaw il-faxxini tagħha b’kompetenza bierda.

Imbagħad qabduha fuq Lindbergh. Jogħġobhom dan Lindbergh. Jien

għedtilhom:

“Lili l-eroj is-suwed jogħġbuni.”

Jean-Paul Sartre

“In-Nigri?” staqsa Massé.

“Le, suwed fis-sens ta’ ngħidu aħna Maġija Sewda. Lindbergh eroj abjad.

Lili ma jinteressanix dak.”

“Jekk hu faċli, ara tmurx taqsmu int l-Atlantiku, buli,” qal Bouxin b’ton

aspru.

Spjegajtilhom l-idea tiegħi tal-eroj iswed:

“Anarkist mela,” kompla Lemercier.

“Le,” għedt bil-kalma, “l-anarkisti jħobbu l-bnedmin bil-mod tagħhom.”

“Allura xi wieħed miġnun.”

Imma Massé, li huwa kolt, indaħal dak il-ħin:

“Nafu t-tip tiegħek,” qalli. “Jismu Erostrate. Ried isir famuż u ma kien sab

xejn aħjar milli jaħraq it-tempju t’Efesu, wieħed mis-seba’ għeġubijiet tad-

dinja dak.”

“U x’kien jismu l-perit ta’ dat-tempju?”

“M’għadx għandi amment,” stqarr hu, “naħseb ħadd ma jafu ismu.”

Kevin Saliba

“Tassew? Imma l-isem Erostrate tiftakru hux? Rajtx, ma marx xagħwiet sa

barra mela.”

Dit-taħdita ntemmet b’dan il-kliem, iżda kont veru kalm; kellhom

jiftakruha din fil-mument opportun. Lili, li sa dakinhar qatt ma kont smajt

b’Erostrate, l-istorja tiegħu qawwietli qalbi. Kien ilu iżjed minn elfejn sena

mejjet dan, u għemilu kien għadu jibri bħal djamant iswed. Bdejt nemmen li

d-destin tiegħi kellu jkun qasir u traġiku. Għall-ewwel dil-ħaġa kexkxitni,

iżda mbagħad drajtha. Jekk wieħed iħares lejha minn banda jaraha tal-biża’,

iżda minn band’oħra, lill-mument għaddieni din tagħtih qawwa u sbuħija

notevoli. Meta kont ninżel fit-toroq f’ġismi kont inħoss saħħa stramba. Fuqi

kien ikolli l-pistola, dil-ħaġa li tispara u li tagħmel il-ħoss. Iżda ma kienx

iżjed minnha li kont qed nieħu s-sikurezza, iżda minni nnfisi: kont essri tal-

ispeċi tal-pistoli, tal-murtali jew tal-bombi. Jien ukoll, xi darba, fi tmiem ta’

din ħajti mqita, għad nisplodi u ndawwal lid-dinja bi fjamma vjolenti u

qasira daqs leħħa tal-manjeżju. Seħħli, dik il-ħabta, li jkolli l-istess ħolma

diversi ljieli. Kont anarkist. Intfajt fi triq il-kżar u fuqi kont qed inġorr

magna infernali. Fis-siegħa miftiehma, għadda l-korteo, il-bomba splodiet u

nbżaqna fl-ajru, jien, il-kżar u t-tliet uffiċjali mberfla bid-deheb, quddiem

għajnejn il-folla.

Issa kont ili ma nidher l-uffiċċju ġimgħat sħaħ. Kont immur nippassiġġa

fit-toroq prinċipali qalb il-vittmi futuri tiegħi, jew inkella ningħalaq

f’kamarti u noqgħod infassal il-pjanijiet. Tawni s-sensja fil-bidu t’Ottubru.

Allura qbadt ngħaddi ħini nikteb din l-ittra, li bħalha għamilt mitt kopja u

tnejn:

Jean-Paul Sartre

“Sinjur,

Int persuna magħrufa u l-kotba tiegħek jinbiegħu bl-eluf. Ħallini

ngħidlek għaliex: dan għax int tħobb il-bnedmin. Għandek l-umaniżmu fid-

demm: tassew xortik tajba int. Meta tkun man-nies wiċċek jieħu d-dawl;

appena tkun ma’ xi wieħed bħalek, anke jekk ma tkunx tafu, tħoss simpatija

għalih. Tiggostalu ġismu, il-mod kif ikun magħqud, riġlejh li jinfetħu u

jingħalqu meta jrid, u fuq kollox idejh: togħġbok din li jkollu ħamest

iswaba’ f’kull id u li jkun jista’ jipponta behmu lejn is-swaba’ l-oħra.

Titgħaxxaq meta dak ta’ maġenbek jaqbad kikkra minn fuq il-mejda, għax

il-mod kif jaqbadha jkun uman għalkollox u min jaf kemm-il darba

ddeskrivejtu fil-kotba tiegħek; huwa inqas flessibbli, inqas għaġġieli minn

dak ta’ xadina, iżda ferm iżjed intelliġenti, mhux hekk? Fil-bniedem tħobb

ukoll il-laħam, il-mixja ta’ midrub gravi fi triqtu lejn ir-rijabilitazzjoni, dik l-

arja ta’ xi ħadd li qed jivvinta l-mixi mill-ġdid ma’ kull pass li jagħmel, u

dik il-ħarsa famuża li l-bhejjem selvaġġi ma jġerrgħuhiex. Għaldaqstant kien

faċli għalik li ssib l-aċċent konvenjenti biex tkellem lill-bniedem dwaru

nnifsu: aċċent modest iżda mqanqal. In-nies jintefgħu fuq il-kotba tiegħek

b’ċerta regħba, jaqrawhom fuq xi pultruna komda, joqogħdu jaħsbu fuq dik

l-imħabba kbira mnikkta u rżina li ġġibilhom, u dana jagħtihom il-faraġ għal

ħafna xorti, talli jkunu koroh, talli jkunu ġwejfa, talli jkunu kornuti, talli ma

jkunux ħadu ż-żieda fl-ewwel ta’ Jannar. U dwar l-aħħar ktieb tiegħek, bil-

qalb kollha jgħidu: din azzjoni tajba.

“Nimmaġina li għandek kurżità tkun taf x’jista’ qatt ikun bniedem illi ma

jħobbx il-bnedmin. Sewwa wisq, jiena wieħed minnhom, u tant ma

nħobbhomx li ser immur noqtol nofs tużżana minnhom ma ndumx: għandek

imnejn tistaqsi: imm’għala nofs tużżana biss? Għax il-pistola tiegħi għandha

Kevin Saliba

sitt skrataċ biss. Mostrożità din, hux? U barra minn hekk, dan hu att

tabilħaqq bla dehen, hux hekk? Iżda jiena ngħidlek li ma nistax inħobbhom

lil dawk. Dak li tħoss int nifhmu sew. Iżda dak illi tħobb fihom int lili

jqallagħni. Bħalek, jien rajt bnedmin jomogħdu bil-mod waqt li jżommu

għajnejhom attenti, huma u jqallbu rivista ekonomika b’idhom ix-xellugija.

Għandi xi tort jien jekk nippreferi nara l-ikliet tal-foki? Il-bniedem b’wiċċu

ma jista’ jagħmel xejn bla ma jispiċċa f’logħba tal-fiżjonomija. Meta

jomgħod b’ħalqu mitbuq, l-irkejjen ta’ ħalqu jitilgħu ’l fuq u jinżlu ’l isfel,

donnu jkun għaddej bla heda mis-serenità għal sorpriża mbikkma. Din

togħġbok lilek, naf, int issibha bħala l-viġilanza tal-Ispirtu. Imma lili

ddardarni; l-għaliex ma nafx, hekk twelidt jien.

“Li bejnietna ma kien hemm xejn għajr differenza fil-gosti kieku jien ma

kont inħanfsek xejn. Imma kollox jiġri bħalkieku inti qiegħed fi stat ta’

grazzja mentri jiena le. Jien liberu li nħobb jew nobgħod l-awwista

l’Amerikana, imma jekk ma nħobbx il-bnedmin, allura jiena wieħed

miżerabbli u l-ebda miżbla ma tridni. Is-sens tal-ħajja kkapparrawh

għalihom. Nittama li qed tifhem xi rrid ngħid. Issa ilni tlieta u tletin sena

naħbat ma’ bibien mitbuqa li fuqhom ikollhom miktub: “Ma jidħol ħadd li

mhux umanist.” Kulma kont dħalt għalih kelli nitilqu ħesrem; kien jeħtieġli

nagħżel: jew kien xi tentattiv assurd u misħut jew inkella llum jew għada

kellu jinbidel fi gwadann għalihom. Dawk il-ħsibijiet li ma kontx naħsibhom

b’mod espliċitu għalihom, kieku qatt irnexxieli nbegħedhom minni,

nifformulahom: kienu jibqgħu hemm ġo fija bħal taħrikiet ħfief u organiċi.

Saħansitra l-għodod li kont ninqeda bihom kont inħosshom tagħhom; il-

kliem perkażu: xtaqt kliem li jkunu tiegħi. Iżda dawk li ninqeda bihom jien

tnikkru f’min jaf kemm-il kuxjenza; jissawru f’rasi minn jeddhom skont id-

Jean-Paul Sartre

drawwiet li qabdu m’għand ħaddieħor, u ara taħseb illi jien u niktiblek qed

nużahom bla stmerrija ta’ xejn. Iżda did-darba kienet tal-aħħar. Ħa ngħidlek:

jeħtieġ tħobbhom il-bnedmin, inkella jkollok xorti jekk iħalluk iżżeggeg.

Imsomma, jiena ma rridx noqgħod inżeggeg. Sejjer naqbad il-pistola

dalwaqt, ser ninżel fit-triq u ser nara daqsxejn jekk tistax issir xi ħaġa kontra

tagħhom. Saħħa Sinjur, għandu mnejn ikun proprju miegħek li niltaqa’. Jekk

ikun hekk, ma ssir taf qatt imbagħad b’liema pjaċir inkun tajjartlek rasek.

Jekk le – bħal m’aktarx jiġri – aqra waħda l-gazzetti t’għada. Fihom għandek

tara li tizju jismu Paul Hilbert mar qatel, waqt dagħdigħa, ħamsa min-nies li

nzertaw għaddejja mill-Boulevard Edgar-Quinet. Ħadd daqsek ma jafu l-

valur tal-proża tal-ġurnali ta’ kuljum. Għandek tifhem, imbagħad, li m’iniex

“imdagħdagħ.” Anzi, ninsab kalm ħafna u nitolbok tilqa’, Sinjur, l-isbaħ

tislijiet tiegħi.”

Paul Hilbert

Daħħalt il-mitt kopja u tnejn f’mitt envelop u tnejn, u fuq l-envelops ktibt

l-indirizzi ta’ mitt kittieb Franċiż u tnejn. Imbagħad, tfajthom kollha fil-

kexxun tal-mejda flimkien ma’ sitt kotba bolol.

Tul il-ħmistax ta’ wara barra ħriġt ftit li xejn. Ħallejtni ninħakem bil-qajla

l-qajla mid-delitt tiegħi. Fil-mera, fejn ġieli kont immur inħares, kont

ninnota il-bidliet ta’ wiċċi bi pjaċir. Għajnejja kibru, kienu qed jibilgħuli

wiċċi kollu. Kienu suwed u teneri taħt in-nuċċali, u kont indawwarhom bħal

pjaneti. Għajnejn sbieħ t’artist u t’assassin. Imma fija kont nistenna bidliet

ferm iżjed fil-fond wara t-twettiq tal-massakru. Rajt ir-ritratti ta’ daż-żewġ

xebbiet sbieħ, dawk iż-żewġ sefturi li kienu qatlu u serqu l-padruni tagħhom.

Kevin Saliba

Rajt ir-ritratti tagħhom, ta’ kif kienu qabel u ta’ kif saru wara. Qabel,

wiċċhom kien jitbennen bħal fjuri għaqlija fuq għenuq illamtati tal-pikè.

Kienu jrejħu l-iġjene u onestà li tiftaħlek l-aptit. Ħadida diskreta kienet

ġegħdetilhom xagħarhom pariġġ. U – iżjed rassikuranti minn xagħarhom

innokklat, minn għenuqhom u mill-bixra ta’ tnejn li qegħdin għand il-

fotografu – kien hemm ix-xebh ta’ żewġ aħwa, xebh tabilħaqq qawwi, li

dlonk joħroġ fid-dieher ir-rabtiet tad-demm u l-għeruq naturali tal-grupp tal-

familja. Wara, wiċċhom kien jiddi bħal ħuġġieġa nar. Kellhom l-għonq għeri

ta’ tnejn sejrin għall-qtugħ ir-ras. Tikmix kullimkien, tikmix iwaħħax ta’

mibegħda u biża’, tinjiet, toqob fil-ġilda bħal donnu xi bhima kollha dwiefer

kienet qagħdet tiżżagrag fuq wiċċhom. U dawk l-għajnejn, dawk l-għajnejn

dejjem suwed u bla qiegħ – bħal tiegħi. U madankollu ma kienu baqgħu

jixxiebhu xejn. Kull waħda kienet tixhed il-fakra tad-delitt komuni tagħhom

bil-mod tagħha. “Jekk jibbasta,” għedt lili nnfisi, “delitt li sar fil-biċċa l-

kbira b’ċikka, biex jibdel dawk l-uċuħ iltiema b’dal-mod, mela x’ma

nistenniex minn delitt meqjus u organizzat għalkollox minni?” Dan kellu

jippossedini, jaqlibli l-kruha hekk umana tiegħi ta’ taħt fuq... delitt, delitt li

jaqta’ l-ħajja ta’ min jagħmlu f’biċċtejn. Għandu jkun hemm uqat li fihom

tkun tixtieq terġa’ lura, imma jibqagħlek hemm, warajk, jimbarralek it-triq,

dal-mineral ifexfex. Ma kont qed nitlob xejn għajr siegħa waħda biex

ingawdi ’l tiegħi, biex inħoss il-piż tiegħu jisħaqni. Dis-siegħa kont ser

inħejji kollox b’tali mod li tkun kollha tiegħi: għamilt f’rasi li l-eżekuzzjoni

nagħmilha fil-parti ta’ fuq ta’ Triq d’Odessa. Kelli napprofitta mill-paniku

sabiex inlebbet ’l hemm huma u jiġbru l-mejtin tagħhom mill-art. Kelli niġri,

naqsam il-Boulevard Edgar-Quinet u ndur b’kemm nimxi għal Triq

Delambre. Ma nkunx irrid aktar minn tletin sekonda biex nilħaq il-bieb tal-

bini fejn noqgħod. Dak il-ħin, dawk li kellhom jiġu jfittxuni jkunu għadhom

Jean-Paul Sartre

il-Boulevard Edgar-Quinet, il-passi tiegħi jkunu tilfuhom u jkunu jridu fuq

siegħa fiż-żgur biex jerġgħu jsibuhom. Jiena noqgħod nistenniehom id-dar, u

meta nismagħhom iħabbtuli l-bieb, nikkarga l-pistola u nispara ġo ħalqi.

Kont bdejt ngħix iżjed komdu; ftehimt ma’ fornitur tal-ikel minn Triq

Vavin li kien jibgħatli bukkun tajjeb kull filgħodu u kull filgħaxija. Il-lavrant

kien idoqq, imma jien ma kontx niftaħ. Kont nistenna xi ftit minuti,

imbagħad inbexxaq il-bieb u nara platti mimlijin idaħħnu f’basket tawwali

mqiegħed mal-art.

Fis-27 ta’ Ottubru, fis-sitta ta’ filgħaxija, kien fadalli sbatax-il frank u

nofs. Qbadt il-pistola u l-pakkett tal-ittri, u nżilt ’l isfel. Qgħadt attent li ma

nagħlaqx il-bieb, ħalli wara li nkun wettaqt il-kolp inkun nista’ nidħol

ġewwa iżjed malajr. Ma kontx qed inħossni tajjeb, kelli idejja kesħin silġ u

d-demm kien tiela’ għal rasi, għajnejja bdew jikluni. Ħarist lejn il-ħwienet,

lejn l-Hôtel des Ecoles, lejn tal-gazzetti minn fejn nixtri l-lapsijiet, u

m’għarafthomx. Kont qed ngħid lili nnifsi: “Xi triq hi din?” Il-Boulevard

Montparnasse kien maħnuq bin-nies. Kienu qed jimbuttawni, jitfgħuni lura,

jidħlu fija bil-minkeb jew bl-ispalla. Ħallejtni nintefa’ ’l hawn u ’l hemm,

ma kellix saħħa niżgiċċa minn fosthom. F’ħin bla waqt rajt lili nnifsi qalb

dil-kotra, orribilment waħdi u ċkejken. Kemm setgħu jweġġgħuni kieku

riedu! Kont qed nibża’ minħabba l-arma li kelli fil-but. Deherli li kienu ser

jintebħu li kienet qiegħda hemmhekk. Kieku, kienu jħarsuli b’għajnejn

isawtu, kienu jgħidu: “Ħojj hemm... ħojj...!” b’korla kuntenta, jaħfnuni

b’dawk l-idejn ta’ bnedmin. Minxur! Kienu jixħtuni għal fuq rashom u

nerġa’ naqa’ f’dirgħajhom bħal pupazz. Qist li kien ikun iżjed għaqli jekk

nipposponi l-eżekuzzjoni tal-pjan tiegħi għall-għada. Mort niekol għand La

Kevin Saliba

Coupole b’sittax-il frank u tmenin. Is-sebgħin ċenteżmu li kien fadalli

xħetthom f’miżieb.

Qattajt tlett ijiem f’kamarti, bla kilt u rqadt. Kont għalaqt il-persjani u la

ssograjt nersaq lejn it-tieqa u lanqas nixgħel id-dawl. Jum it-Tnejn, xi ħadd

daqqli l-qanpiena tal-bieb. Żammejt in-nifs u qgħadt nistenna. Wara xi

minuta reġa’ ċempel. Mort fuq ponot subgħajja nwaħħal għajni mat-toqba

tas-serratura. Ma rajt xejn ħlief biċċa drapp sewda u buttuna. Reġa’ ċempel

oħra u mbagħad niżel ’l isfel: min kien ma nafx. Billejl kelli viżjonijiet

rinfreskanti, siġar tal-palm, ilma ġieri, sema vjola fuq koppla. Għatx ma

kellix għax kull siegħa kont immur nixrob mill-vit tas-sink. Imma kelli l-

ġuħ. Erġajt rajt il-qaħba s-smajra. Dan kien f’kastell li kont bnejt fuq il-

Causses Noires mili ’l bogħod minn kull villaġġ. Kienet għarwiena u

weħidha miegħi. Ġegħeltha tinżel għarkupptejha u timxi fuq idejha mal-art

bit-theddid tal-pistola tiegħi; imbagħad irbattha ma’ kolonna, u wara li

fissirtilha fit-tul dak li kont ser nagħmel, imlejtha tilja ċomb. Dax-xeni tant

skunċertawni li kelli mmur ninfexx indoqqhomlu. Wara bqajt fid-dlam bla

ma nitħarrek, b’rasi battala għalkollox. L-għamara bdiet tfaqqa’. Kienu l-

ħamsa ta’ filgħodu. Ma nafx x’ma kontx nagħti biex nitlaq mill-kamra, iżda

ma stajtx noħroġ għax kien hemm in-nies mexjin fit-triq.

Sebaħ il-jum. Ma kellix iżjed ġuħ, iżda beda jxoqq l-għaraq għalija: il-

qmis ġibtha għasra. Barra kienet ix-xemx. Imbagħad ħsibt: “F’kamra

magħluqa jinsab Hu, moħbi fi dlam ma tarax tidgħi. Tlett ijiem ilu ma jiekol

u jorqod. Ċemplulu l-bieb, iżda Huwa ma fetaħx. Minn hawn u ftit ieħor,

Huwa ser jinżel fit-triq u ser joqtol.” Kont qed inwerwer lili nnifsi. Fis-sitta

ta’ filgħaxija reġa’ bini l-ġuħ. Kont imbegħren bir-rabja. Għal mument bqajt

Jean-Paul Sartre

dieħel fl-għamara, imbagħad xgħelt id-dawl tal-kmamar, tal-kċina, tal-kamra

tal-banju. Qbadt inkanta ngħajjat kemm niflaħ, ħsilt ħasla idejja u tlaqt ’il

barra. Domt fuq żewġ minuti biex nimposta l-ittri fil-kaxxa. Bdejt

indeffishom ’il ġewwa għaxra għaxra. Xi wħud minnhom kelli ngħaffiġhom.

Imbagħad imxejt tul il-Boulevard Montparnasse sa Triq d’Odessa. Waqaft

quddiem vetrina ta’ ħanut tal-qomos, u meta lmaħt wiċċi fiha ħsibt: “Għal-

lejla xbin.”

Intasabt fil-parti ta’ fuq ta’ Triq d’Odessa, tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod minn

fanal tat-triq, u qgħadt nistenna. Għaddew żewġ nisa. Kienu id f’id, il-bjonda

kienet qed tgħid:

“Kienu poġġew xi twapet mat-twieqi kollha, u n-nobbli tal-pajjiż kienu

qed jieħdu sehem fil-ġilwa.”

“Mela kienu bla flus?”

“M’hemmx għalfejn tkun bla flus biex taċċetta xogħol li jqallgħek ħames

luwiġi kuljum.”

“Ħames luwiġi!” skantat is-samra. Hi u għaddejja minn maġenbi kompliet

tgħid: “U mbagħad, nimmaġina li kienu jieħdu gost ixiddu l-kostumi tal-

antenati tagħhom.”

Tbiegħdu. Kont qiegħed inħoss il-bard, imma kont qed negħreq qatigħ.

Dikment rajt tlett irġiel ġejjin; ħallejthom jgħaddu: kelli bżonn sitta. Dak

tax-xellug ħares lejja u ċaqċaq waħda lsienu. Jien dawwart ħarsti ’l hemm.

Kevin Saliba

Fis-sebgħa u ħamsa, żewġ gruppi li kienu qed isegwu ’l xulxin mill-qrib

feġġew mill-Boulevard Edgar-Quinet. Kien hemm raġel u mara ma’ żewġt

itfal. Warajhom kienu ġejjin tliet nisa anzjani. Middejt pass ’il quddiem. Il-

mara dehret irrabjata u bdiet tissossa lit-tifel minn driegħu. B’leħen mkarkar

ir-raġel qal:

“X’uġigħ ta’ ras fih dal-imqarċaċ ukoll!”

Qalbi tant bdiet tħabbat illi qabdu juġgħuni dirgħajja. Imxejt ’il quddiem u

qgħadt quddiemhom, immobbli. Subgħajja, fil-but, kienu rotob ħaxu

madwar il-grillu.

“Skużani,” qal ir-raġel waqt li mbuttani.

Ftakart li kont għalaqt il-bieb tal-appartament, u dil-ħaġa fixlitni: kont ser

nitlef ħin prezzjuż biex niftħu. In-nies tbiegħdu. Dort lura u qbadt

insegwihom mekkanikament. Iżda l-aptit li nispara fuqhom kien telaqni.

Intilfu fil-folla tal-bulevard. Mort nissiegħen mal-ħajt. Smajt it-tmienja

jdoqqu u anke d-disgħa. Qgħadt intenni lili nniffsi: “Imm’għala għandi

noqtol ’il dan-nies meta huma ġa mejtin?”, u kelli aptit nidħak. Ġie kelb

ixammem ma’ saqajja.

Meta dak ir-raġel godli għadda minn biswiti, inħsadt u mort nitrod warajh.

Kont qed naralu t-tinja tar-raqba ħamra bejn it-tomna u l-għonq tas-surtun.

Kien qed jimxi daqsxejn imferċaħ u jieħu n-nifs bil-qawwi, kien jidher sod.

Ħriġt il-pistola: kienet liemja u kiesħa, bdiet tqażżiżni, ma kontx qed

Jean-Paul Sartre

niftakar sewwa x’suppost kelli nagħmel biha. Daqqa kont qed inħares lejha u

daqqa lejn ir-raqba ta’ dat-tizju. It-tinja tar-raqba kienet qed titbissimli, bħal

fomm imbissem u mqit. Kont qed nhewden jekk kontx ser immur narmi l-

pistola f’xi katusa.

F’daqqa waħda dat-tali dar lejja u ħarisli b’bixra mfantsa. Għamilt pass

lura.

“Xtaqt... nistaqsik...”

Ma kienx jidher li qed jisma’, kien qed iħares lejn idejja. Temmejt ngħid

bi tbatija:

“Tista’ tgħidli fejn tiġi Triq de la Gaîte?”

Kellu wiċċu mimli, u xufftejh bdew jirtogħdu. Ma qal xejn, mattar idu ’l

barra. Imxejt iżjed lura u għedtlu:

“Nixtieq...”

F’dak il-waqt fhimt li kont ser naqbad inwerżaq. Ma ridtx: fajjartlu tliet tiri

ġo żaqqu. Waqa’ fuq irkupptejh żorba, b’xeħta t’idjota, u rasu daret fuq

spalltu tax-xellug, bħal rota.

“Ja bagħal,” għedtlu, “ja bagħal imġiddem!”

Kevin Saliba

Ħrabt. Smajtu jisgħol. Smajt ukoll xi għajjat u passi mlebbta minn warajja.

Xi ħadd staqsa: “X’inqala’? Qed jiġġieldu?” Imbagħad dlonk xi ħadd

għajjat: “Għall-assassin! Għalih!” Lanqas ġietni f’rasi li dal-għajjat kellu

x’jaqsam miegħi. Iżda deherli heddiedi, bħas-sireni tal-pumpiera meta kont

għadni tifel. Heddiedi u kemxejn ridikolu. Kont qed inkarwat b’saqajja ma’

sormi.

Biss, kont għamilt żball ma jinħafirx: minflok erġajt tlajt Triq d’Odessa

versu l-Boulevard Edgar-Quinet, kont qiegħed ninżilha ’l isfel versu l-

Boulevard Montparnasse. Meta ntbaħt b’dan kien tard wisq: kont diġà

qiegħed f’nofs il-kotra, bosta wċuħ mistagħġba kienu qed iduru lejja

(niftakar dak ta’ mara kollha żebgħa li kellha kappell aħdar bil-pjumi), u

kont qed nisma’ ’l dawk il-boloh ta’ Triq d’Odessa jħanġru “assassin

assassin” wara dahri. Ħassejt id fuq spallti. Hemmhekk tlift rasi: ma ridtx

immut mgħaffeġ min dik il-folla. Erġajt skargajt żewġ tiri. In-nies qabdu

jwerżqu u jinferqu. Dħalt niġri f’kafetterija. Jien u għaddej il-klijenti qamu

bilwieqfa iżda ma ttanta jwaqqafni ħadd. Qsamt il-kafetterija minn tarf sa

tarf u ssakkart fil-loki. Fil-pistola kien għad fadalli balla waħda biss.

Għadda mument. Kont bla nifs u għadni nilheġ. Oħroġ il-għaġeb, kien

hemm skiet perfett, bħalkieku n-nies kienu siktu apposta. Għollejt l-arma

s’għajnejja u rajt dik it-tqajba sewda u tonda: il-balla kellha toħroġ minn

hemmhekka; il-porvli kellu jaħraqli wiċċi kollu. Irħejt driegħi ’l isfel u

qgħadt nistenna. Waslu f’ħakka t’għajn, inkiss nkiss; mit-tkaxkir tas-saqajn

mal-art li smajt, kellhom ikunu truppa sħiħa. Qagħdu jpespsu xi ftit

imbagħad siktu. Jien kont għadni nilheġ u ħsibt li kienu qegħdin jisimgħuni

nonfoħ min-naħa l-oħra tal-paraventu. Xi ħadd mexa ’l quddiem bil-mod u

Jean-Paul Sartre

heżżeż il-pum tal-bieb. Bilfors li kien imrassas mal-ħajt, ħalli jevita l-balal

tiegħi. Xorta waħda kelli aptit nispara, iżda l-aħħar balla kienet għalija.

“X’qed jistennew?” staqsejt bejni u bejn ruħi. “Jekk jintefgħu għal fuq il-

bieb u jifqgħuh f’salt, ma jkollix ħin inneħħi ħajti b’idejja, u jaqbduni ħaj.”

Iżda ma kienu qed jgħaġġlu xejn, kienu qed iħalluli l-ħin kollu biex immut.

Kienu qed jibżgħu, dawk il-qatta liba.

Wara ftit għola leħen:

“Ejj’iftaħ, m’aħna ser nagħmlulek xejn.”

Kien hemm waqt ta’ skiet, u l-istess leħen żied jgħid:

“Taf tajjeb li m’għandekx ċans taħrab.”

Ma weġibtx, kont għadni nilheġ. Biex nagħmel il-qalb ħalli nispara,

qgħadt ngħid lili nnifsi: “Jekk jaqbduni dawk ser iħassruni, ser ikissruli

snieni, forsi jifqgħuli għajni.” Xtaqt kieku nsir naf jekk dak il-godli kienx

miet. Kelli mnejn drobtu biss... u ż-żewġ balal l-oħra, forsi ma kienu laqtu ’l

ħadd... Dawk żgur kienu qed iħejju xi ħaġa. Tgħid kienu qed ikaxkru xi

oġġett tqil mal-art? Daħħalt il-kanna ġo ħalqi bil-ħeffa, u gdimtha bis-saħħa.

Iżda ma stajtx nispara, u ’qas inpoġġi sebgħi fuq il-grillu ma stajt. Reġa’

waqa’ s-skiet.

Allura rmejt il-pistola u ftaħtilhom il-bieb.

Kevin Saliba


Recommended